Dazji tas-sisa

Il-kumpanija tiegħek tbigħ oġġetti jew servizzi? Din it-taqsima tgħinek tifhem uħud mit-taxxi li jistgħu jiġu applikati fl-UE.

Avveniment taxxabbli

    Il-prodotti taxxabbli huma soġġetti għad-dazju tas-sisa mal-produzzjoni tagħhom (kull fejn ikunu fl-UE) jew mal-importazzjoni (minn pajjiżi mhux tal-UE).

    Madankollu, id-dazju tas-sisa huwa pagabbli biss mar-rilaxx għall-konsum. Jekk il-prodott jiġi importat f’pajjiż tal-UE iżda jiġi ttrasportat lejn pajjiż ieħor tal-UE u fornut lilu, id-dazji tas-sisa huma dovuti fil-pajjiż tal-UE fejn il-prodotti eventwalment se jiġu kkunsmati jew użati.

    Id-dazji tas-sisa mħallsa fuq ix-xorb alkoħoliku jistgħu jintalbu lura, soġġetti għal ċerti kundizzjonijiet u f’każijiet speċifiċi, bħal meta l-oġġetti finalment jiġu esportati lejn pajjiżi mhux tal-UE.

    Prodotti u rati taxxabbli

    Alkoħol u xorb alkoħoliku

    Rata standard

    Rata mnaqqsa

    Birra

    Id-dazju tas-sisa jista’ jkun ibbażat fuq il-kwantità u l-qawwa alkoħolika tal-birra, imkejla jew fuq hL/grad Plato, jew fuq hL/alkoħol skont il-volum:

    • EUR 0.748 għal kull hL / grad Plato ta’ prodott lest, jew
    • €1.87 għal kull hL / grad ta’ alkoħol tal-prodott lest.

    Il-pajjiżi tal-UE jistgħu japplikaw rati mnaqqsa għall-birra magħmula minn birreriji żgħar indipendenti li l-produzzjoni annwali tagħhom ma taqbiżx il-200,000 hL. Ir-rati mnaqqsa m'għandhomx ikunu stabbiliti għal aktar minn 50% taħt ir-rata standard nazzjonali tad-dazju tas-sisa. Il-pajjiżi tal-UE jistgħu japplikaw ukoll rati mnaqqsa għall-birra b’qawwa alkoħolika proprja skont il-volum li ma taqbiżx it-2,8 % tal-volum. In-numru ta’ gradi Plato jkejjel il-perċentwal fil-piż tal-estratt oriġinali għal kull 100 gramma ta’ birra, huwa kkalkolat mill-estratt attwali u l-alkoħol li jinsab fil-prodott lest (għal skopijiet ta’ taxxa grad wieħed Plato huwa legalment ekwivalenti għal 0,4 % alkoħol)

    Inbid

    €0.00 / hL tal-prodott, li jfisser li l-pajjiżi tal-UE jistgħu japplikaw rata żero, jew ogħla, fuq l-inbid.

    Meta l-pajjiżi tal-UE ma jkunux stabbilew rata standard ta’ żero, huma jistgħu japplikaw rati mnaqqsa ta’ dazju tas-sisa għal kwalunkwe tip ta’ nbid bla gass u frizzanti ta’ qawwa alkoħolika proprja skont il-volum li ma taqbiżx it-8,5 % tal-volum.

    Xarbiet iffermentati minbarra l-inbid u l-birra

    €0.00 / hL tal-prodott, li jfisser li l-pajjiżi tal-UE jistgħu japplikaw rata żero, jew ogħla.

    Meta l-pajjiżi tal-UE ma jkunux stabbilew rata standard ta’ żero, huma jistgħu japplikaw rati mnaqqsa ta’ dazju tas-sisa għal kwalunkwe tip ta’ xorb ieħor iffermentat mingħajr gass jew bil-gass ta’ qawwa alkoħolika proprja skont il-volum li ma taqbiżx it-8.5 % tal-volum

    Prodotti intermedji

    €45 / hL tal-prodott.

    Il-pajjiżi tal-UE jistgħu japplikaw rata waħda mnaqqsa ta’ dazju għall-prodotti intermedji b’qawwa alkoħolika proprja skont il-volum li ma taqbiżx il-15 % volum. Ir-rata mnaqqsa ma għandhiex tkun stabbilita għal aktar minn 40 % taħt ir-rata standard nazzjonali tad-dazju tas-sisa, u ma tistax tkun inqas mir-rata standard nazzjonali applikata għall-inbid u xorb ieħor iffermentat.

    Alkoħol etiliku

    €550 / hL ta' alkoħol pur.

    Il-pajjiżi tal-UE jistgħu japplikaw rati mnaqqsa ta' dazju tas-sisa fuq l-alkoħol etiliku prodott minn distilleriji żgħar li l-produzzjoni annwali tagħhom ta' alkoħol pur ma taqbiżx l-10 hL. Ir-rati mnaqqsa m'għandhomx ikunu stabbiliti għal aktar minn 50% taħt ir-rata standard nazzjonali tad-dazju tas-sisa.

    Tabakk manifatturat

    Sigaretti

    Is-sigaretti huma soġġetti għal dazju tas-sisa ad valorem (proporzjonali għall-valur tiegħu) ikkalkulat fuq il-prezz massimu tal-bejgħ bl-imnut (inklużi d-dazji doganali). Huma wkoll soġġetti għal dazju tas-sisa speċifiku kkalkulat għal kull unità tal-prodott.

    Kull pajjiż tal-UE japplika dazju tas-sisa minimu globali (dazju speċifiku flimkien ma’ dazju ad valorem minbarra l-VAT), li l-inċidenza tiegħu hija stabbilita għal 60 % tal-prezz medju ponderat tal-bejgħ bl-imnut tas-sigaretti rilaxxati għall-konsum. Ma jistax ikun inqas minn €90 għal kull 1,000 sigarett, irrispettivament mill-prezz medju ppeżat tal-bejgħ bl-imnut.

    Il-pajjiżi tal-UE li jimponu dazju tas-sisa minimu globali ta' mill-inqas EUR 115 għal kull 1,000 sigarett (tal-prezz medju ppeżat tal-bejgħ bl-imnut) m'għandhomx għalfejn jikkonformaw mar-rekwiżit ta' inċidenza minima ta' 60%.

    Sigarri u sigarri żgħar

    Sigarri u sigarri żgħar huma soġġetti għal sisa ta' 5% tal-prezz tal-bejgħ bl-imnut inklużi t-taxxi kollha, jew €12 għal kull 1,000 oġġett jew għal kull kilogramm.

    Tabakk imqatta’ fin (maħsub għall-brim tas-sigaretti)

    Id-dazju tas-sisa globali għandu jkun tal-anqas ugwali għal 48 % tal-prezz medju ppeżat tal-bejgħ bl-imnut tat-tabakk imqatta' fin għat-tipjip intiż għall-brim tas-sigaretti rilaxxat għall-konsum, jew EUR 60 għal kull kilogramm.

    Tabakk ieħor għat-tipjip

    Id-dazju tas-sisa globali għandu jkun mill-inqas ugwali għal 20 % tal-prezz tal-bejgħ bl-imnut inklużi t-taxxi kollha, jew EUR 22 għal kull kilogramm.

    Żjut minerali

    Petrol

    Petrol biċ-ċomb: €421 għal kull 1,000 litru.

    Petrol mingħajr ċomb: €359 għal kull 1,000 litru.

    Żejt tal-gass

    Użat bħala propellant: €330 għal kull 1,000 litru.

    Użati għal xi skopijiet industrijali u kummerċjali: EUR 21 għal kull 1,000 litru.

    Użati għal skopijiet ta’ tisħin (kemm għal użu kummerċjali kif ukoll għal użu mhux kummerċjali): EUR 21 għal kull 1,000 litru.

    Il-Gass Likwidu miż-Żejt (LPG) u l-Metan

    Użat bħala propellant: €125 għal kull 1,000 kg.

    Użati għal xi skopijiet industrijali u kummerċjali: €41 għal kull 1,000 kg.

    Użati għal skopijiet ta’ tisħin (kemm għal użu kummerċjali kif ukoll għal użu mhux kummerċjali): EUR 0 għal kull 1,000 L.

    Żejt tal-fjuwil tqil

    Użati għal skopijiet ta’ tisħin u kemm għal użu kummerċjali kif ukoll għal użu mhux kummerċjali: €15 għal kull 1,000 kg.

    Pitrolju

    Użat bħala propellant: €330 għal kull 1,000 litru.

    Użati għal xi skopijiet industrijali u kummerċjali: EUR 21 għal kull 1,000 litru.

    Użati għal skopijiet ta’ tisħin (kemm għal użu kummerċjali kif ukoll għal użu mhux kummerċjali): EUR 0 għal kull 1000 litru.

    Prodotti tal-enerġija u l-elettriku
    Gass naturali

    Użat bħala propellant: EUR 2.60 għal kull valur kalorifiku gross tal-GJ.

    Użati għal xi skopijiet industrijali u kummerċjali: €0.30 għal kull GJ

    Użati għal skopijiet ta' tisħin

    • Użu għan-negozju: €0.15 għal kull GJ
    • Użu mhux għan-negozju: €0.30 għal kull GJ
    Faħam u kokk

    Użu għan-negozju: €0.15 għal kull valur kalorifiku gross tal-GJ.

    Użu mhux għan-negozju: €0.30 għal kull GJ

    Elettriku

    Użu għan-negozju: €0.50 għal kull MWh.

    Użu mhux għan-negozju: €1 għal kull MWh.

    Il-pajjiżi tal-UE jistgħu jistabbilixxu biss rati tat-taxxa li ma jkunux inqas mil-livelli minimi ta' tassazzjoni preskritti mid-Direttivi tal-UE.

    Għall-prodotti tal-enerġija u l-elettriku, id-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE tistabbilixxi livelli minimi ta’ tassazzjoni. Madankollu, għal xi pajjiżi tal-UE, tippermetti perjodi tranżitorji li matulhom huma meħtieġa jnaqqsu progressivament id-distakk tagħhom. Il-livelli minimi ta’ tassazzjoni huma deskritti fit-tabella ta’ hawn fuq.

    Arranġamenti sospensivi

    Bħala konsegwenza tal-moviment liberu tal-merkanzija fis-suq uniku Ewropew, il-pajjiżi tal-UE jeħtieġu mekkaniżmu ta’ kontroll biex jiżguraw li l-oġġetti mobbli jiġu ċċarġjati għat-taxxi u d-dazji fid-destinazzjoni  finali .

    Din il-merkanzija normalment titqiegħed taħt arranġament sospensiv, li jindika li l-merkanzija tista’ tintbagħat minn pajjiż tal-Unjoni għal ieħor, qabel ma jkunu ġew imposti taxxi fuqha, sakemm id-dazji eventwalment jitħallsu fid-destinazzjoni.

    In-negozjanti li jittrasportaw prodotti taħt arranġamenti sospensivi jridu jinfurmaw lill-awtoritajiet tat-taxxa fil-pajjiżi tal-UE dwar id-destinazzjoni finali tal-provvisti tagħhom, billi jużaw dokument ta’ akkumpanjament amministrattiv jew kummerċjali:

    • l-informazzjoni li tidher fuq il-kopji tad-dokument ta’ akkumpanjament tista’ tiġi trażmessa wkoll b’mezzi kompjuterizzati.
    • id-dokumenti ta’ tranżitu intern u d-dokumenti tal-Konvenzjoni TIR jew ATA jistgħu jintużaw ukoll bħala d-dokument ta’ akkumpanjament għall-finijiet tad-dazju tas-sisa.
    • għandha tiġi ppreżentata garanzija biex tkopri r-riskji inerenti fil-moviment tal-merkanzija.
    • f'każ ta' movimenti frekwenti u regolari ta' prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa taħt arranġamenti sospensivi, il-pajjiżi tal-UE jistgħu jippermettu tnaqqis fil-proċeduri ta' kwittanza.

    Dazji tas-sisa fil-pajjiżi tal-UE

    Id-dazji tas-sisa ġew armonizzati fil-livell tal-UE permezz tad-Direttiva tal-Kunsill 2008/118/KE (ĠU L-9 14/01/2009) u permezz ta’ diversi direttivi li jkopru s-sisa fuq prodotti speċifiċi. Madankollu, xi regoli speċifiċi għall-pajjiż xorta jistgħu japplikaw. 

    Għal informazzjoni speċifika għall-pajjiż, aċċessa l-bażi tad-data tad-DĠ Tassazzjoni u Unjoni Doganali.

    Id-Direttivi tal-UE dwar id-dazji tas-sisa mhumiex applikati fit-territorji li ġejjin

    • il-Ġermanja: il-gżira ta’ Helgoland u t-territorju ta’ Büsingen
    • l-Italja: Livigno, Campione d'Italia u l-ilmijiet Taljani tal-Lag ta' Lugano
    • Spanja: Ceuta u Melilla
    • Il-Greċja: Muntanja Athos
    • l-Awstrija: Jungholz u Mittelberg
    • Id-Danimarka: Greenland u l-Gżejjer Faeroe
    • il-Finlandja: il-gżejjer Åland

    Reġim speċjali għad-dazji tas-sisa huwa applikabbli fit-territorji li ġejjin

    • Spanja: Il-Gżejjer Kanarji
    • Franza: Korsika u d-dipartimenti extra-Ewropej
    • il-Portugall: l-Azores u Madeira

    L-Awstrija

     

    Il-Belġju

     

    Il-Bulgarija

     

    Il-Kroazja

     

    Ċipru

     

    Ir-Repubblika Ċeka

     

    Id-Danimarka

     

    L-Estonja

     

    Il-Finlandja

     

    Franza

     

    Il-Ġermanja

     

    Il-Greċja

     

    L-Ungerija

     

    L-Irlanda

     

    L-Italja

     

    Il-Latvja

     

    Il-Litwanja

     

    Il-Lussemburgu

     

    Malta

     

    Netherlands

     

    Il-Polonja

     

    Il-Portugall

     

    Ir-Rumanija

     

    Ir-Repubblika Slovakka

     

    Is-Slovenja

     

    Spanja

     

    L-Iżvezja

     

    Links ta’ malajr