environment ribbon acceptance
system message icon

IL-PROTEZZJONI TAD-DATA PERSONALI TIEGĦEK

Din id-dikjarazzjoni ta’ privatezza tipprovdi informazzjoni dwar l-ipproċessar u l-protezzjoni tad-data personali tiegħek meta tuża EUSurvey biex toħloq u timmaniġġja stħarriġ.

Verżjoni 1.0, 2020/06/10

Attività ta’ pproċessar: EUSurvey

Il-Kontrollur tad-Data: Il-Kummissjoni Ewropea (jew “Il-Kummissjoni”)

Referenza tar-reġistru: DPR-EC-01488

Introduzzjoni

Il-Kummissjoni Ewropea (minn hawn ’il quddiem “il-Kummissjoni”) hija impenjata li tipproteġi d-data personali tiegħek u li tirrispetta l-privatezza tiegħek. Il-Kummissjoni tiġbor u tkompli tipproċessa d- data personali skont ir- Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data (li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001).

Din l-istqarrija ta’ privatezza tispjega għaliex nipproċessaw id-data personali tiegħek, il-mod kif niġbru u nittrattaw id- data personali kollha li tingħata, kif ukoll kif niżguraw il-protezzjoni tagħha, kif dik l-informazzjoni tintuża, u liema drittijiet għandek b’rabta mad-data personali tiegħek. Tispeċifika wkoll id-dettalji ta’ kuntatt tal-Kontrollur tad-Data responsabbli li tista’ teżerċita d-drittijiet tiegħek miegħu, tal-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data u tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad- Data.

L-informazzjoni relatata mal-operazzjonijiet tal-ipproċessar permezz tal-applikazzjoni EUSurvey li twettaq il-Kummissjoni hija ppreżentata hawn taħt jiġifieri din id-dikjarazzjoni ta’ privatezza tispjega kif id- data personali tiegħek tiġi ttrattata meta tirreġistra bħala utent ta’ EUSurvey u tuża s-servizz biex toħloq stħarriġ. Din ma tkoprix l-aspetti tal-protezzjoni tad-data marbuta mal-istħarriġ li toħloq, jiġifieri, meta toħloq stħarriġ, jeħtieġ li tinkludi stqarrija ta’ privatezza speċifika fl-istħarriġ innifsu jekk l-istħarriġ tiegħek jiġbor u jipproċessa d-data personali.

1. GĦALIEX U KIF NIPPROĊESSAW ID-DATA PERSONALI TIEGĦEK?

1.1 Data personali miġbura għall-ġestjoni tal-utent

L-għan tal-attività tal-operazzjonijiet tal-ipproċessar: Il-Kummissjoni, permezz ta’ EUSurvey, tiġbor u tuża l-informazzjoni personali tiegħek biex tkun tista’, bħala utent, tikkonnettja mal-applikazzjoni EUSurvey u tuża s-servizz biex toħloq u tippubblika kwestjonarji online. Id-dettalji ta’ kuntatt tiegħek (l-indirizz tal-posta elettronika, l-isem u l-kunjom) jistgħu jintużaw ukoll biex tiġi kkuntattjat għall-finijiet ta’ appoġġ u ta’ ġestjoni tal-kwalità.

Id-data personali tiegħek mhijiex se tintuża biex jittieħdu deċiżjonijiet b’mod awtomatizzat, inkluż it-tfassil ta’ profili.

1.2 Data personali miġbura permezz ta’ stħraiiġ online

Jekk jogħġbok innota li l-Kummissjoni mhix responsabbli għall-politiki jew prattiki ta’ privatezza mwettqa minn persuni jew organizzazzjonijiet li jużaw l-applikazzjoni u s-servizz ta’ EUSurvey biex joħolqu u jippubblikaw stħarriġ. Id-data personali kollha miġbura fi ħdan tali stħarriġ se tiġi pproċessata taħt ir-responsabbiltà tas-sid tal-istħarriġ jew l-organizzazzjoni tas-sid tal-istħarriġ.

L-individwi u l-organizzazzjonijiet li jużaw EUSurvey biex jorganizzaw stħarriġ għandhom l-obbligu legali li joħolqu u jippubblikaw id-dikjarazzjoni ta’ privatezza tagħhom meta jiġbru data personali.

2. FUQ LIEMA BAŻI(JIET) LEGALI NIPPROĊESSAW ID-DATA PERSONALI TIEGĦEK

Nipproċessaw id-data personali tiegħek, għaliex:

“is-suġġett tad-data jkun ta l-kunsens għall-ipproċessar ta' data personali tiegħu għal fini speċifiku wieħed jew aktar.”

Trid tkun tajt jew se tati l-kunsens imsemmi hawn fuq billi taċċetta d-dikjarazzjoni ta’ privatezza preżenti. L-aċċettazzjoni ta’ din id-dikjarazzjoni ta’ privatezza tkun meħtieġa qabel ma tiddaħħal l-applikazzjoni u jintuża s-servizz.

Tista’ teżerċita d-dritt tiegħek li tirtira l-kunsens tiegħek billi tikkuntattja lill-Kontrollur tad-Data permezz tal- formola ta’ kuntatt .

3. LIEMA HI D-DATA PERSONALI LI NIĠBRU U NKOMPLU NIPPROĊESSAW?

Sabiex tipprovdi s-servizzi ta’ EUSurvey, permezz tal-operazzjonijiet ta’ pproċessar, il-Kummissjoni tiġbor il-kategoriji tad-data personali li ġejjin:

3.1 Kredenzjali

Biex jiġi identifikat mis-sistema, l-utent jeħtieġ login/password, li hija ġestita mis-servizz tal-EU Login [1] . Għal aktar informazzjoni dwar kif l-EULogin qed jipproċessa d- data personali tiegħek, jekk jogħġbok irreferi għad- dikjarazzjoni ta’ privatezza tal-EULogin .

3.2 Data dwar l-utent

Xi data personali hija aċċessibbli mill-applikazzjoni EUSurvey taħt it-tab ‘Settings’:

• Isem sħiħ (isem u kunjom)

• Indirizz elettroniku

L-isem sħiħ u l-indirizz tal-email huma data miġbura bi proċess awtomatiku minn EULogin u l-Bażi tad-Data Ċentrali tal-Utenti tal-Kummissjoni Ewropea, li hija maħżuna fiċ-Ċentru tad-Data tal-Kummissjoni Ewropea. Iċ-Ċentru tad-Data tal-Kummissjoni Ewropea huwa marbut li jikkonforma mar-Regolament (UE) 2018/1725 u ma’ kwalunkwe deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar is-sigurtà u dispożizzjoni stabbilita mid-Direttorat Ġenerali għas-Sigurtà u r-Riżorsi Umani għal dan it-tip ta’ servers u servizzi.

3.3 Europa Analytics

Europa Analytics hu s-servizz korporattiv li jissorvelja u jevalwa l-effettività u l-effiċjenza tas-siti web tal-Kummissjoni Ewropea fuq Europa. Europa Analytics hu bbażat fuq il-pjattaforma analitika b’sors miftuħ “Matomo” u hu nstallat fuq webserver. Kemm l-infrastruttura kif ukoll is-softwer huma taħt il-kontroll sħiħ tal-Kummissjoni Ewropea u jikkonformaw mal-leġiżlazzjoni attwali tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data.

EUSurvey qed juża Europa Analytics għall-istatistika tat-traffiku u l-analitika. Tista’ ssib aktar informazzjoni dwar l-Informazzjoni u l-miżuri dwar il-Protezzjoni tad-Data, il-preferenza “do not track” u informazzjoni oħra fuq is-sit web ta’ Europa Analytics .

4. GĦAL KEMM ŻMIEN NIBQGĦU NŻOMMU D-DATA PERSONALI TIEGĦEK?

Il-Kummissjoni żżomm biss id-data personali tiegħek għaż-żmien meħtieġ biex jintlaħaq l-għan tal-istħarriġ.

4.1 Membru tal-persunal tal-UE (utent intern)

Sakemm inti membru tal-persunal tal-UE, il-kont tal-utent tiegħek jibqa’ attiv u għalhekk tinżamm id-data personali tiegħek. Madankollu, tista’, fi kwalunkwe ħin, titlob lit-tim ta’ EUSurvey itemm il-kont tiegħek jekk ma tkunx tixtieq aktar tuża s-servizz. F’dan il-każ, il-kont tal-utent tiegħek, id-data assoċjata kollha u l-istħarriġ u r-riżultati kollha se jitħassru b’mod permanenti.

4.2 Utent estern ta’ EUSurvey

Bħala utent estern, tista’, fi kwalunkwe ħin, titlob lit-tim ta’ EUSurvey itemm il-kont tiegħek jekk ma tkunx tixtieq aktar tuża s-servizz. Il-kont korrispondenti, id-data assoċjata kollha u l-istħarriġ u r-riżultati kollha se jitħassru b’mod permanenti.

Barra minn hekk, il-kontijiet mhux użati tal-utent estern jitħassru wara perjodu ta’ inattività ta’ sentejn.

5. KIF NIPPROTEĠU U NISSALVAGWARDJAW ID-DATA PERSONALI TIEGĦEK?

Id-data personali kollha tinżamm fis-servers taċ-Ċentru tad- Data tal-Kummissjoni Ewropea. L-operazzjonijiet ta’ pproċessar kollha jitwettqu skont id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2017/46 tal-10 ta’ Jannar 2017 dwar is-sigurtà tas-sistemi ta’ komunikazzjoni u informazzjoni fil-Kummissjoni Ewropea.

Sabiex tipproteġi d-data personali tiegħek, il-Kummissjoni daħħlet fis-seħħ għadd ta’ miżuri tekniċi u organizzazzjonali. Il-miżuri tekniċi jinkludu azzjonijiet xierqa biex jindirizzaw is-sigurtà online, ir-riskju ta’ telf tad-data, it-tibdil tad-data jew l-aċċess mhux awtorizzat, filwaqt li jitqies ir-riskju ppreżentat mill-ipproċessar u min-natura tad-data personali li tkun qed tiġi pproċessata. Il-miżuri organizzattivi jinkludu r-restrizzjoni tal-aċċess għad- data personali għall-persuni awtorizzati biss li jkollhom ħtieġa leġittima ta’ tagħrif għall-finijiet tal-operazzjonijiet ta’ pproċessar.

Is-sigurtà tad-data personali tiegħek hija importanti għalina iżda ftakar li l-ebda metodu ta’ trasmissjoni fuq l-Internet, jew metodu ta’ ħażna elettronika, mhu 100 % sigur. Filwaqt li nagħmlu ħilitna biex nużaw mezzi biex nipproteġu d-data personali tiegħek, ma nistgħux niggarantixxu s-sigurtà assoluta tagħha.

6. MIN GĦANDU AĊĊESS GĦAD-DATA PERSONALI TIEGĦEK U LIL MIN TIĠI ŻVELATA??

L-aċċess għad-data personali tiegħek jingħata lill-persunal tal-Kummissjoni responsabbli mit-twettiq ta’ din l-operazzjoni ta’ pproċessar u lill-persunal awtorizzat skont il-prinċipju tal-“ħtieġa ta’ tagħrif”. Dawn il-membri tal-persunal jirrispettaw il-ftehimiet statutorji, u meta jkun hemm bżonn, jirrispettaw ukoll ftehimiet addizzjonali tal-kunfidenzjalità.

B’riżultat ta’ dan, il-persunal li jimmaniġġja l-applikazzjoni ta’ EUSurvey għandu aċċess għad-data personali tiegħek.

Dan jinkludi:

• It-tim ta’ EUSurvey tal-Kummissjoni għal skopijiet ta’ appoġġ u manutenzjoni tas-sistema.

• L-amministraturi tal-infrastruttura.

L-informazzjoni li niġbru ma tingħata lil ebda parti terza, ħlief jekk sa ċertu punt u għal ċertu skop inkunu obbligati nagħmlu dan bil-liġi.

Il-Kummissjoni mhijiex se tikkondividi d-data personali ma’ partijiet terzi bl-iskop ta’ kummerċjalizzazzjoni diretta. Fi kliem ieħor, il-Kummissjoni mhix se tuża d-data personali tiegħek biex tikkuntattjak bi newsletters, kummerċjalizzazzjoni jew informazzjoni promozzjonali. Madankollu, nistgħu nużaw l-indirizz tal-email tiegħek biex nikkuntattjawk b’informazzjoni jew aġġornamenti dwar EUSurvey.

7. X’INHUMA DRITTIJIETEK U KIF TISTA’ TEŻERĊITAHOM?

Għandek drittijiet speċifiċi bħala “suġġett tad-data” skont il-Kapitolu III (l-Artikoli 14–25) tar-Regolament (UE) 2018/1725, b’mod partikolari d-dritt tal-aċċess għad-data personali tiegħek, u, biex tirrettifikaha, f’każ li d-data personali tiegħek ma tkunx eżatta jew ma tkunx kompluta. Fejn applikabbli, għandek id-dritt li tħassar id-data personali tiegħek, li tirrestrinġi l-ipproċessar tad- data personali tiegħek, li toġġezzjona għall-ipproċessar, u d-dritt għall-portabbiltà tad-data.

Tista’ teżerċita d-drittijiet tiegħek billi tikkuntattja lill-Kontrollur tad-data, jew f’każ ta’ kunflitt, lill-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data.

Jekk jogħġbok innota li ismek, kunjomok u l-indirizz tal-email jittieħdu minn EULogin u tista’ tiġi mmodifikata biss hemmhekk. EUSurvey hu aġġornat awtomatikament skont id-data tal-EULogin. Mal-ewwel login, il-kont tiegħek jinħoloq awtomatikament bl-użu tad-data estratta mill-bażi tad-data tal-EULogin. Data personali oħra tista’ tiġi modifikata mill-paġna Settings ta’ EUSurvey . Jekk mhux possibbli, jekk jogħġbok ikkuntattjana permezz tal- formola ta’ kuntatt .

Din id-Dikjarazzjoni tal-Privatezza se tibqa’ fis-seħħ ħlief fir-rigward ta’ kwalunkwe bidla fid-dispożizzjonijiet tagħha fil-futur, li se tidħol fis-seħħ immedjatament wara li tiġi ppubblikata fl-applikazzjoni EUSurvey u aċċettata mill-utent. F’każ ta’ kwalunkwe bidla f’din id-Dikjarazzjoni ta’ Privatezza, aħna nnotifikawk bit-tqegħid ta’ messaġġ prominenti ta’ aċċettazzjoni dwar l-applikazzjoni EUSurvey immedjatament wara l-login. Se tintalab taqra u taċċetta d-Dikjarazzjoni dwar il-Privatezza l-ġdida.

8. INFORMAZZJONI DWAR IL-KUNTATTI

8.1. Il-Kontrollur tad-Data

Jekk tixtieq teżerċita d-drittijiet tiegħek skont ir-Regolament (UE) 2018/1725, jew jekk għandek xi kummenti, mistoqsijiet jew xi tħassib, jew jekk tixtieq tressaq ilment rigward il-ġbir u l-użu tad-data personali tiegħek, inti liberu tikkuntattja lill-Kontrollur tad- Data billi tuża l- formola ta’ kuntatt .

Għandek il-possibbiltà li tikkuntattja lit-tim ta’ appoġġ ta’ EUSurvey, billi tuża l- formola ta’ kuntatt , sabiex tħassar il-kont tiegħek b’mod permanenti f’każ li ma jkollokx aktar bżonn tuża s-Servizz.

8.2. L-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data tal-Kummissjoni (UPD)

Fil-każ ta’ kwistjonijiet marbuta mal-ipproċessar tad-data personali tiegħek skont ir-Regolament (UE) 2018/1725, tista’ tikkuntattja wkoll lill-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data tal-Kummissjoni (DATA-PROTECTION-OFFICER@ec.europa.eu).

8.3. Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (EDPS)

Għandek id-dritt tirrikorri (jiġifieri tista’ tressaq ilment) għand il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (edps@edps.europa.eu) jekk jidhirlek li d-drittijiet tiegħek skont ir-Regolament (UE) 2018/1725 inkisru minħabba l-ipproċessar tad-data personali mill-Kontrollur tad-Data.

Il-kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data jaġixxi bħala awtorità ta’ sorveljanza indipendenti. Il-KEPD jara li l-istituzzjonijiet u l-korpi kollha tal-UE jirrispettaw il-kunfidenzjalità meta jipproċessaw id- data personali tal-individwi.

9. FEJN TISTA’ SSIB INFORMAZZJONI IKTAR DETTALJATA?

L-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data tal-Kummissjoni (UPD) jippubblika r-reġistru tal-attivitajiet kollha ta’ pproċessar tad- data personali mill-Kummissjoni, li jkunu ġew dokumentati u nnotifikati lilu. Tista’ taċċessa r-reġistru bil-link li ġej: http://ec.europa.eu/dpo-register .

Din l-attività ta’ pproċessar speċifika ddaħħlet fir-reġistru pubbliku tal-UPD bir-Referenza tar-Reġistru li ġejja: DPR-EC-01488.1

[1] EULogin huwa s-Servizz ta’ Awtentikazzjoni tal-Istituzzjonijiet Ewropej ibbażat fuq it-teknoloġija SSO (Single-Sign On).